Artikolu 83 – Kooperazzjoni bejn l-FIUs u l-OLAF

1.   Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Ir-Regolament(UE, Euratom) 883/2013 (ĠU L 248)), kull FIU għandha tibgħat mingħajr dewmien ir-riżultati tal-analiżijiet tagħha u kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-OLAF meta jkun hemm raġunijiet validi biex wieħed jissuspetta li qed jitwettqu jew twettqu frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom l-OLAF jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-FIUs għandhom iwieġbu fil-ħin għat-talbiet għal informazzjoni minn OLAF fir-rigward ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-FIUs u l-OLAF jistgħu jiskambjaw ir-riżultati ta’ analiżijiet strateġiċi, inkluż tipoloġiji u indikaturi tar-riskju, meta tali analiżijiet ikunu relatati ma’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Scroll to Top