1. Persuni li jinnegozjaw f’oġġetti jew li jipprovdu servizzi jistgħu jaċċettaw jew jagħmlu pagament fi flus kontanti sa ammont ta’ mhux aktar minn EUR 10 000 jew l-ekwivalenti f’munita nazzjonali jew barranija, kemm jekk it-tranżazzjoni ssir f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk issir f’diversi operazzjonijiet li jidhru li jkunu assoċjati ma’ xulxin.
2. L-Istati Membri jistgħu jadottaw limiti aktar baxxi wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE (ĠU L 189) . Dawk il-limiti aktar baxxi għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-introduzzjoni tal-miżura fil-livell nazzjonali.
3. Meta diġà jkunu jeżistu limiti fil-livell nazzjonali li jkunu inqas mil-limitu stipulat fil-paragrafu 1, dawn għandhom jibqgħu japplikaw. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-limiti lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2024.
4. Il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:
(a) | pagamenti bejn persuni fiżiċi li ma jkunux qed jaġixxu f’kapaċità professjonali; |
(b) | pagamenti jew depożiti magħmula fil-bini ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, emittenti tal-flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (3), tad-Direttiva 2009/110/KE u fornituri ta’ servizzi ta’ pagament kif definiti fl-Artikolu 4,il- punt (11), tad-Direttiva (UE) 2015/2366. |
Pagamenti jew depożiti msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ’il fuq mil-limitu għandhom jiġu rrapportati lill-FIU fi żmien l-iskadenzi imposti mill-FIU.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa, inkluż l-impożizzjoni ta’ penali, kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaġixxu fil-kapaċità professjonali tagħhom li jkunu suspettati bi ksur tal-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, jew ta’ limitu aktar baxx adottat mill-Istati Membri.
6. Il-livell ġenerali tal-penali għandu jiġi kkalkulat, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, b’tali mod li jipproduċi riżultati proporzjonati mal-gravità tal-ksur, u b’hekk jiskoraġġixxi b’mod effettiv aktar reati tal-istess tip.
7. Meta, minħabba force majeure, mezzi ta’ pagament permezz ta’ fondi kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (25), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 għajr karti tal-flus u muniti ma jibqgħux disponibbli fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu temporanjament jissospendu l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew, fejn ikun applikabbli, tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien. L-Istati Membri għandhom ukoll jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-durata mistennija tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ mezzi ta’ pagament minn fondi kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (25), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 għajr karti tal-flus u muniti u bil-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jerġgħu jistabbilixxu d-disponibbiltà tagħhom.
Meta, abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tqis li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jew, fejn ikun applikabbli, tal-paragrafu 2 ma tkunx ġustifikata minn każ ta’ force majeure, hija għandha tadotta deċiżjoni indirizzata lil dak l-Istat Membru fejn titlob it-tneħħija immedjata ta’ tali sospensjoni.