1. L-entitajiet marbutin b’obbligu li jixtiequ jwettqu attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ewwel darba għandhom jinnotifikaw lis-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom bl-attivitajiet li beħsiebhom iwettqu f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Dik in-notifika għandha tiġi ppreżentata hekk kif l-entità marbuta b’obbligu tieħu passi biex twettaq dawk l-attivitajiet, u, fil-każ ta’ stabbilimenti, mill-inqas tliet xhur qabel il-bidu ta’ dawk l-attivitajiet. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jinnotifikaw minnufih lis-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom hekk kif jibdew dawk l-attivitajiet f’dak l-Istat Membru l-ieħor.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu soġġetti għal proċeduri ta’ notifika speċifiċi għall-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont atti legali oħra tal-Unjoni jew għal każijiet fejn l-entità marbuta b’obbligu tkun soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi ta’ awtorizzazzjoni sabiex topera fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.
2. Kwalunkwe bidla pjanata fl-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata mill- entità marbuta b’obbligu lis-superviżur tal-Istat Membru ta’ domiċilju mill-inqas xahar qabel ma ssir il-bidla.
3. Meta dan ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jadottaw regoli addizzjonali applikabbli għall-entitajiet marbutin b’obbligu, dawn għandhom jikkonformaw mar-regoli nazzjonali tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.
4. Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu iħaddmu stabbilimenti f’diversi Stati Membri, huma għandhom jiżguraw li kull stabbiliment japplika r-regoli tal-Istat Membru fejn jinsab.
5. Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu kif imsemmija fl-Artikolu 38(1) tad-Direttiva (UE) 2024/1640 joperaw fi Stati Membri oħra għajr dak fejn ikunu stabbiliti permezz ta’ aġenti, distributuri, jew permezz ta’ tipi oħra ta’ infrastruttura li tinsab f’dawk l-Istati Membri l-oħra taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huma għandhom japplikaw ir-regoli tal-Istati Membri li fihom jipprovdu servizzi fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet, sakemm ma japplikax l-Artikolu 38(2) ta’ dik id-Direttiva, f’liema każ huma għandhom japplikaw ir-regoli tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħhom.
6. Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu meħtieġa jaħtru punt ta’ kuntatt ċentrali skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, huma għandhom jiżguraw li l-punt ta’ kuntatt ċentrali jkun jista’ jiżgura l-konformità mad-dritt applikabbli f’isem l-entità marbuta b’obbligu.