Artikolu 79 – Kontijiet anonimi u ishma tal-portaturi u ċertifikati ta’ ishma tal-portaturi

1.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom ikunu pprojbiti milli jżommu kontijiet bankarji u ta’ pagament anonimi, passbooks anonimi, kaxex ta’ sikurezza għad-depożiti anonimi jew kontijiet anonimi tal-kriptoassi kif ukoll kwalunkwe kont li b’xi mod ieħor jippermetti l-anonimizzazzjoni tad-detentur ta’ kont tal-klijent jew l-anonimizzazzjoni jew l-oskurament akbar tat-tranżazzjonijiet, inkluż permezz ta’ muniti li jżidu l-anonimità.

Is-sidien u l-benefiċjarji ta’ kontijiet bankarji jew ta’ pagament anonimi, passbooks anonimi, kaxex ta’ sikurezza għad-depożiti anonimi miżmuma minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, jew kontijiet tal-kriptoassi eżistenti għandhom ikunu soġġetti għal miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti qabel ma dawk il-kontijiet, passbooks, jew kaxax għad-depożiti jintużaw bi kwalunkwe mod.

2.   L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji li jaġixxu bħala akkwirenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ir-Regolament (UE) 2015/751(ĠU L 123) ma għandhomx jaċċettaw pagamenti magħmula b’kards anonimi mħallsin minn qabel maħruġin f’pajjiżi terzi, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ riskju baxx ipprovat.

3.   Il-kumpaniji għandhom ikunu pprojbiti milli joħorġu ishma tal-portatur, u għandhom jikkonvertu l-ishma tal-portatur kollha eżistenti f’ishma reġistrati, jimmobilizzawhom skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (3), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, jew jiddepożitawhom ma’ istituzzjoni finanzjarja sal-10 ta’ Lulju 2029. Madankollu, il-kumpaniji b’titoli kkwotati fuq suq regolat jew li l-ishma tagħhom jinħarġu bħala titoli intermedjati kemm permezz ta’ immobilizzazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (3), ta’ dak ir-Regolament jew permezz ta’ ħruġ dirett f’forma dematerjalizzata skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (4), ta’ dak ir-Regolament għandu jkollhom permess joħorġu ishma tal-portatur ġodda u jżommu ishma tal-portatur eżistenti. Għal ishma tal-portatur eżistenti li ma jiġux ikkonvertiti, immobilizzati jew depożitati sal-10 ta’ Lulju 2029, id-drittijiet kollha tal-vot u d-drittijiet għad-distribuzzjoni marbuta ma’ dawk l-ishma għandhom jiġu sospiżi awtomatikament sal-konverżjoni, l-immobilizzazzjoni jew id-depożitu tagħhom. Lishma kollha bħal dawn mhux konvertiti, immobilizzati jew depożitati sal-10 ta’ Lulju 2030 għandhom jiġu kkanċellati, u dan iwassal għal tnaqqis fil-kapital azzjonarju tal-ammont korrispondenti.

Il-kumpaniji għandhom ikunu pprojbiti milli joħorġu ċertifikati ta’ ishma tal-portaturi li ma jkunux f’forma intermedjata.

Scroll to Top