Artikolu 77 – Żamma ta’ rekords

1.   L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin:

(a)

kopja tad-dokumenti u tal-informazzjoni miksuba fit-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti skont il-Kapitolu III, inkluż l-informazzjoni miksuba b’mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi;

(b)

rekord tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 69(2) inkluż l-informazzjoni u ċ-ċirkostanzi kkunsidrati u r-riżultati ta’ tali valutazzjoni, irrispettivament minn jekk tali valutazzjoni tirriżultax f’rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi lill-FIU, u kopja ta’ dawk ir-rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, jekk ikun hemm;

(c)

l-evidenza ta’ sostenn u r-rekords tat-tranżazzjonijiet, li jikkonsistu fid-dokumenti oriġinali jew kopji ammissibbli fi proċedimenti ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali applikabbli, li huma neċessarji biex jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet;

(d)

meta jipparteċipaw fi sħubijiet għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni skont il-Kapitolu VI, kopji tad-dokumenti u l-informazzjoni miksuba fil-qafas ta’ dawk is-sħubijiet, u rekords tal-istanzi kollha ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni.

L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li dokumenti, l-informazzjoni u r-rekords miżmuma skont dan l-Artikolu ma jiġux editjati.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu ż-żamma ta’ kopji tal-informazzjoni b’żamma tar-referenzi għal dik l-informazzjoni, dment li n-natura u l-metodu taż-żamma tal-informazzjoni jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni minnufih lill-awtoritajiet kompetenti u li l-informazzjoni ma tistax tiġi modifikata jew tinbidel.

L-entitajiet marbutin b’obbligu li jużaw id-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiddefinixxu fil-proċeduri interni tagħhom imfasslin skont l-Artikolu 9 il-kategoriji ta’ informazzjoni li għalihom ser iżommu referenza minflok kopja jew l-oriġinali, kif ukoll il-proċeduri sabiex tinstab l-informazzjoni bl-għan li tkun tista’ tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinżamm għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mid-data tat-tmiem tar-relazzjoni tan-negozju jew mid-data tat-twettiq tat-tranżazzjoni okkażjonali, jew mid-data tar-rifjut ta’ dħul f’relazzjoni tan-negozju jew ta’ twettiq ta’ tranżazzjoni okkażjonali. Mingħajr preġudizzju għall-perjodi ta’ żamma għad-data miġbura għall-finijiet ta’ atti legali oħra tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679, hekk kif jiskadi l-perjodu ta’ ħames snin l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iħassru d-data personali.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu żamma ulterjuri tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-każ, dment li tali żamma tkun meħtieġa għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Dak il-perjodu ta’ żamma ulterjuri ma għandux jaqbeż il-ħames snin.

4.   Fejn, fl-10 ta’ Lulju 2027, il-proċedimenti legali marbutin mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu suspettat ikunu pendenti fi Stat Membru, u entità marbuta b’obbligu jkollha informazzjoni jew dokumenti dwar dawk il-proċedimenti pendenti, l-entità marbuta b’obbligu tista’ żżomm dik l-informazzjoni jew dawk id-dokumenti għal perjodu ta’ ħames snin mill-10 ta’ Lulju 2027.

L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għad-dritt penali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għall-investigazzjonijiet kriminali u għall-proċedimenti legali li jkunu għaddejjin, jippermettu jew jirrikjedu ż-żamma ta’ tali informazzjoni jew dokumenti għal perjodu ulterjuri ta’ ħames snin, fejn in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali żamma ulterjuri jkunu ġew stabbiliti għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu suspettat.

Scroll to Top