Artikolu 76 – Proċessar ta’ data personali

1.   Sa fejn ikun strettament neċessarju għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jipproċessaw il-kategoriji speċjali ta’ data personali msemmijin fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u data personali relatata ma’ kundanni u reati kriminali msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament soġġett għas-salvagwardji previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw id-data personali koperta mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 dment li:

(a)

huma jinformaw lill-klijenti jew lill-klijenti prospettivi tagħhom li tali kategoriji ta’ data jistgħu jiġu pproċessati għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(b)

id-data toriġina minn sorsi affidabbli, tkun akkurata u aġġornata;

(c)

lhuma ma jieħdux deċiżjonijiet li jwasslu għal eżiti preġudikati u diskriminatorji abbażi ta’ dik id-data;

(d)

huma jadottaw miżuri ta’ livell għoli ta’ sigurtà f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari fejn tidħol il-kunfidenzjalità.

3.   L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw data personali koperta mill-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 dment li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan L-Artikolu u li:

(a)

dik id-data personali tkun relatata mal-ħasil tal-flus, mar-reati predikati tiegħu jew mal-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

l-entitajiet marbutin b’obbligu jkollhom fis-seħħ proċeduri li jippermettu d-distinzjoni, fl-ipproċessar ta’ dik id-data, bejn allegazzjonijiet, investigazzjonijiet, proċedimenti u kundanni, filwaqt li jitqiesu d-dritt fundamentali għal proċess ġust, id-dritt tad-difiża u l-preżunzjoni tal-innoċenza.

4.   Id-data personali għandha tiġi pproċessata mill-entitajiet marbutin b’obbligu abbażi ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet biss tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod li jkun inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet. L-ipproċessar ta’ data personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għal finijiet kummerċjali għandu jkun ipprojbit.

5.   L-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jadottaw deċiżjonijiet li jirriżultaw minn proċessi awtomatizzati, inkluż it-tfassil tal-profil kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2016/679, jew minn proċessi li jinvolvu sistemi tal-IA kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (1) tar-Regolament (UE) 2024/xxx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (), dment li:

(a)

id-data pproċessata minn dawk is-sistemi tkun limitata għad-data miksuba skont il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament;

(b)

kwalunkwe deċiżjoni ta’ dħul jew rifjut ta’ dħul f’relazzjoni tan-negozju ma’ klijent jew iż-żamma tagħha jew ta’ twettiq jew rifjut ta’ twettiq ta’ tranżazzjoni okkażjonali għal klijent, jew li tiżdied jew titnaqqas il-firxa tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, applikata skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, tkun soġġetta għal intervent uman sinifikanti biex jiġi żgurat li dik id-deċiżjoni tkun akkurata u xierqa; u

(c)

il-klijent jista’ jikseb spjegazzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-entità marbuta b’obbligu, u jista’ jikkontesta dik id-deċiżjoni, ħlief fir-rigward ta’ rapport kif imsemmi fl-Artikolu 69 ta’ dan ir-Regolament.

Scroll to Top