Artikolu 73 – Projbizzjoni ta’ divulgazzjoni

1.   L-entitajiet marbutin b’obbligu u d-diretturi u l-impjegati tagħhom, jew il-persuni f’pożizzjonijiet komparabbli, inkluż aġenti u distributuri, ma għandhomx jiddivulgaw lill-klijent ikkonċernat jew lil partijiet terzi oħrajn il-fatt li qed jiġu jew ġew ivvalutati tranżazzjonijiet jew attivitajiet f’konformità mal-Artikolu 69, li qed tintbagħat, ser tintbagħat jew intbagħtet informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 69 jew 70 jew li qed issir jew tista’ ssir analiżi dwar ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għad-divulgazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u lill-korpi awtoregolatorji meta dawn iwettqu funzjonijiet superviżorji, jew għad-divulgazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, tal-finanzjament tat-terroriżmu u ta’ attività kriminali oħra.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tista’ ssir divulgazzjoni bejn entitajiet marbutin b’obbligu li jappartjenu għall-istess grupp, jew bejn tali entitajiet u l-fergħat u s-sussidjarji tagħhom stabbiliti f’pajjiżi terzi, dment li dawk il-fergħat u s-sussidjarji jikkonformaw bis-sħiħ mal-politiki u mal-proċeduri għall-grupp kollu, inkluż il-proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp, f’konformità mal-Artikolu 16, u li l-politiki u l-proċeduri għall-grupp kollu jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tista’ sseħħ divulgazzjoni bejn entitajiet marbutin b’obbligu kif imsemmijin fl-Artikolu 3, il-punt (3)(a) u (b), jew entitajiet minn pajjiżi terzi li jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stipulati f’dan ir-Regolament, li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom, kemm jekk bħala impjegati kif ukoll jekk mhux, fi ħdan l-istess persuna ġuridika jew struttura akbar li l-persuna tappartjeni lilha u li tikkondividi sjieda, ġestjoni jew kontroll tal-konformità komuni, inkluż networks u sħubijiet.

5.   Għall-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (1), (2), (3)(a) u (b), f’każijiet relatati mal-istess tranżazzjoni li tinvolvi żewġ entitajiet marbutin b’obbligu jew aktar, u b’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tista’ ssir divulgazzjoni bejn l-entitajiet rilevanti marbutin b’obbligu dment li jkunu jinsabu fl-Unjoni, jew ma’ entitajiet f’pajjiż terz li jimponi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stipulati f’dan ir-Regolament, u li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali u tal-protezzjoni tad-data personali.

6.   Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (3)(a) u (b), jippruvaw jiddisswadu lil klijent milli jieħu sehem f’attività illegali, dak ma għandux jikkostitwixxi divulgazzjoni skont it-tifsira tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Scroll to Top