Artikolu 7 – Notifika minn qabel tal-eżenzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe eżenzjoni li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu f’konformità mal-Artikoli 4, 5 u 6 mingħajr dewmien. In-notifika għandha tinkludi ġustifikazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju rilevanti mwettqa mill-Istat Membru biex isostni l-eżenzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tikkonferma li l-eżenzjoni tista’ tingħata abbażi tal-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Istat Membru;

(b)

b’deċiżjoni motivata, tiddikjara li l-eżenzjoni ma tistax tingħata.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mingħu dak l-Istat Membru notifikanti.

3.   Hekk kif jirċievu konferma mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2(a), il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni li tagħti l-eżenzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawn id-deċiżjonijiet regolarment, u fi kwalunkwe każ meta jaġġornaw il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2024/1640.

4.   Sal-10 ta’ Ottubru 2027, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 fis-seħħ fl-10 ta’ Lulju 2027.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sena f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtija skont dan l-Artikolu u għandha tagħmel dik il-lista disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha.

Scroll to Top