Artikolu 69 – Rapportar ta’ suspetti

1.   L-entitajiet marbutin b’obbligu, u, fejn applikabbli, id-diretturi u l-impjegati tagħhom, għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-FIU billi minnufih:

(a)

iressqu rapporti lill-FIU, fuq inizjattiva tagħhom stess, meta l-entità marbuta b’obbligu tkun taf, tissuspetta jew ikollha raġunijiet validi biex tissuspetta li fondi jew attivitajiet, irrispettivament mill-ammont ikkonċernat, ikunu r-rikavat minn attività kriminali jew ikunu relatati ma’ finanzjament tat-terroriżmu jew attività kriminali u billi jwieġbu għal talbiet għal aktar informazzjoni mill-FIU f’każijiet bħal dawn;

(b)

tipprovdi lill-FIU, fuq talba tagħha, l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż informazzjoni dwar ir-rekords tat-tranżazzjonijiet, fi żmien l-iskadenzi imposti;

Għandhom jiġu rrapportati t-tranżazzjonijiet suspettużi kollha, inkluż tentattivi ta’ tranżazzjonijiet u suspetti li jirriżultaw min-nuqqas ta’ kapaċità li titwettaq diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti skont l-ewwel subparagrafu.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iwieġbu għal talba għal informazzjoni mill-FIU fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. F’każijiet ġustifikati u urġenti, l-FIUs jistgħu jqassru dik l-iskadenza, inkluż sa inqas minn 24 siegħa.

B’deroga mit-tielet subparagrafu, l-FIU tista’ testendi l-iskadenza għal tweġiba lil hinn mill-ħamest ijiem ta’ xogħol meta tqis li jkun iġġustifikat u dment li l-estensjoni ma timminax l-analiżi tal-FIU.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jivvalutaw it-tranżazzjonijiet jew l-attivitajiet imwettqa mill-klijenti tagħhom abbażi ta’ u fil-konfront ta’ kwalunkwe fatt u informazzjoni rilevanti magħrufa minnhom jew li jkunu fil-pussess tagħhom. Fejn ikun meħtieġ, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jipprijoritizzaw il-valutazzjoni tagħhom billi jqisu l-urġenza tat-tranżazzjoni jew tal-attività u r-riskji li jaffettwaw l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti.

Suspett skont il-paragrafu 1, il-punt (a) għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi tal-klijent u tal-kontropartijiet tiegħu, id-daqs u n-natura tat-tranżazzjoni jew tal-attività jew il-metodi u x-xejriet tagħhom, ir-rabta bejn diversi tranżazzjonijiet jew attivitajiet, l-oriġini, id-destinazzjoni jew l-użu tal-fondi, jew kwalunkwe ċirkostanza oħra li taf biha l-entità marbuta b’obbligu, inkluż il-konsistenza tat-tranżazzjoni jew tal-attività mal-informazzjoni miksuba skont il-Kapitolu III inkluż il-profil tar-riskju tal-klijent.

3.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika l-format li għandu jintuża għar-rapportar ta’ suspetti skont il-paragrafu 1, il-punt (a), u għall-forniment ta’ rekords tat-tranżazzjonijiet skont il-paragrafu 1, il-punt (b).

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

5.   Sal-10 ta’ Lulju 2027, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar indikaturi ta’ attività jew ta’ mġiba suspettuża. Dawk il-linji gwida għandhom jiġu aġġornati perjodikament.

6.   L-uffiċjal għall-konformità maħtur f’konformità mal-Artikolu 11(2) għandu jgħaddi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-FIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-entità marbuta b’obbligu li tkun qed tgħaddi l-informazzjoni.

7.   L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li l-uffiċjal għall-konformità maħtur f’konformità mal-Artikolu 11(2), kif ukoll kwalunkwe impjegat jew persuna f’pożizzjoni komparabbli, inkluż aġenti u distributuri, involuti fit-twettiq tal-kompiti koperti minn dan l-Artikolu jkunu protetti kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni u kwalunkwe trattament inġust ieħor għat-twettiq ta’ dawk il-kompiti.

Dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa l-protezzjoni li l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkunu intitolati għaliha skont id-Direttiva (UE) 2019/1937.

8.   Meta l-attivitajiet ta’ sħubija għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni jirriżultaw fl-għarfien, fis-suspett jew f’raġunijiet validi biex wieħed jissuspetta li fondi, irrispettivament mill-ammont involut, ikunu r-rikavat ta’ attività kriminali jew ikunu relatati ma’ finanzjament tat-terroriżmu, l-entitajiet marbutin b’obbligu li identifikaw suspetti fir-rigward tal-attivitajiet tal-klijenti tagħhom jistgħu jaħtru wieħed minn fosthom li għandu jingħata l-kompitu li jippreżenta rapport lill-FIU skont il-paragrafu 1, il-punt (a). Dik il-preżentazzjoni għandha tinkludi mill-inqas l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-entitajiet marbutin b’obbligu kollha li pparteċipaw fl-attivitajiet li jwasslu għar-rapport.

Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu stabbiliti f’diversi Stati Membri, l-informazzjoni għandha tiġi rrapportata lil kull FIU rilevanti. Għal dak l-għan, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li r-rapport jiġi ppreżentat minn entità marbuta b’obbligu fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri fejn tinsab l-FIU.

Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jiddeċiedu li ma jużawx il-possibbiltà li jippreżentaw rapport uniku mal-FIU skont l-ewwel subparagrafu, huma għandhom jinkludu referenza fir-rapport tagħhom għall-fatt li s-suspett huwa r-riżultat tal-attivitajiet ta’ sħubija għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

9.   L-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu għandhom iżommu kopja ta’ kwalunkwe rapport ippreżentat skont dak il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 77.

Scroll to Top