1. L-entitajiet ġuridiċi kollha maħluqa fl-Unjoni għandhom jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, akkurata u aġġornati dwar is-sjieda benefiċjarja.
L-entitajiet ġuridiċi għandhom jipprovdu, minbarra informazzjoni dwar is-sidien legali tagħhom, informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarju/i lill-entitajiet marbutin b’obbligu, meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu qed japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu III.
2. Entità ġuridika għandha tirrapportata l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja lir-reġistru ċentrali mingħajr dewmien żejjed wara l-ħolqieni tagħha. Kwalunkwe bidla fl-informazzjoni għandha tiġi rrapportata lir-reġistru ċentrali mingħajr dewmien żejjed u, f’kwalunkwe każ, fi żmien ta’ 28 jum kalendarju minnha. L-entità ġuridika għandha tivverifika regolarment li jkollha informazzjoni aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tagħha. Bħala minimu, tali verifika għandha titwettaq kull sena kemm bħala proċess awtonomu jew bħala parti minn proċessi perjodiċi oħra, bħall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni finanzjarja.
Is-sidien benefiċjarji ta’ entità ġuridika kif ukoll l-entitajiet ġuridiċi u, fil-każ ta’ arranġamenti ġuridiċi, it-trustees tagħhom jew il-pesuni li għandhom pożizzjoni ekwivalenti, li huma parti mill-istruttura ta’ sjieda jew ta’ kontroll ta’ entità ġuridika, għandhom jipprovdu lil dik l-entità ġuridika l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-entità ġuridika tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu jew biex twieġeb għal kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali riċevuta skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva (UE) 2024/1640.
3. Meta, wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi ta’ identifikazzjoni kollha possibbli skont l-Artikoli 51 sa 57, l-ebda persuna ma tiġi identifikata bħala s-sid benefiċjarju, jew meta jkun hemm inċertezza sostanzjali u ġustifikata dwar il-parti tal-entità ġuridika li l-persuni identifikati huma s-sidien benefiċjarji, l-entitajiet ġuridiċi għandhom iżommu rekords tal-azzjonijiet meħuda sabiex jidentifikaw is-sidien benefiċjarju/i tagħhom.
4. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f’konformità mal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, entitajiet ġuridiċi għandhom jipprovdu dawn li ġejjin:
(a) | dikjarazzjoni li ma hemm l-ebda sid benefiċjarju jew li s-sidien benefiċjarju/i ma setgħux jiġu determinati, akkumpanjata minn ġustifikazzjoni dwar għaliex ma kienx possibbli li jiġi determinat is-sid benefiċjarju f’konformità mal-Artikoli 51 sa 57 ta’ dan ir-Regolament u x’jikkostitwixxi inċertezza dwar l-informazzjoni aċċertata; |
(b) | id-dettalji dwar il-persuni fiżiċi kollha li għandhom il-kariga ta’ uffiċjali maniġerjali superjuri fl-entità ġuridika ekwivalenti għall-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 62(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) ta’ dan ir-Regolament. |
Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, “uffiċjali tal-maniġment superjuri” tfisser il-persuni fiżiċi li huma l-membri eżekuttivi tal-korp maniġerjali, kif ukoll il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan entità ġuridika u li huma responsabbli, u jagħtu rendikont lill-korp maniġerjali, għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-entità.
5. L-entitajiet ġuridiċi għandhom jagħmlu l-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu disponibbli, fuq talba u mingħajr dewmien, għall-awtoritajiet kompetenti.
6. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tinżamm għal ħames snin wara d-data li fiha entitajiet ġuridiċi jiġu xolti jew b’xi mod ieħor ma jibqgħux jeżistu, kemm jekk minn persuni deżinjati mill-entità sabiex iżommu d-dokumenti, jew minn amministraturi jew minn likwidaturi jew minn persuni oħrajn involuti fix-xoljiment tal-entità. Id-dettalji tal-identità u ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli għaż-żamma tal-informazzjoni għandhom jiġu rrapportati lir-reġistri ċentrali.