1. Il-kontroll fuq entità korporattiva jew entità ġuridika oħra għandu jiġi eżerċitat permezz ta’ interess proprjetarju jew permezz ta’ mezzi oħra.
2. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) | “kontroll tal-entità ġuridika” tfisser il-possibbiltà li tiġi eżerċitata, direttament jew indirettament, influwenza sinifikanti u li jiġu imposti deċiżjonijiet rilevanti fi ħdan l-entità ġuridika; |
(b) | “kontroll indirett ta’ entità ġuridika” tfisser il-kontroll ta’ entitajiet ġuridiċi intermedji fl-istruttura tas-sjieda jew f’diversi ktajjen tal-istruttura tas-sjieda, fejn il-kontroll dirett jiġi identifikat fuq kull livell tal-istruttura; |
(c) | “kontroll permezz tal-interess proprjetarju tal-entità korporattiva” tfisser sjieda diretta jew indiretta ta’ 50 % u wieħed tal-ishma jew mid-drittijiet tal-vot jew interess proprjetarju ieħor fl-entità korporattiva. |
3. Il-kontroll tal-entità ġuridika permezz ta’ mezzi oħra għandu fi kwalunkwe każ jinkludi l-possibbiltà li jiġu eżerċitati:
(a) | fil-każ ta’ entità korporattiva, il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fl-entità korporattiva, kemm jekk kondiviżi minn persuni li jaġixxu flimkien kif ukoll jekk le; |
(b) | id-dritt li jaħtru jew ineħħu maġġoranza tal-membri tal-bord jew tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew uffiċjali simili tal-entità ġuridika; |
(c) | drittijiet ta’ veto jew drittijiet ta’ deċiżjoni rilevanti marbuta mas-sehem tal-entità korporattiva; |
(d) | deċiżjonijiet rigward id-distribuzzjoni tal-profitt tal-entità ġuridika jew li twassal għal bidla fl-assi fl-entità ġuridika. |
4. Minbarra l-paragrafu 3, il-kontroll tal-entità ġuridika jista’ jiġi eżerċitat permezz ta’ mezzi oħra. Skont is-sitwazzjoni partikolari tal-entità ġuridika u l-istruttura tagħha, mezzi oħra ta’ kontroll jistgħu jinkludu:
(a) | ftehimiet formali jew informali ma’ sidien, ma’ membri jew mal-entitajiet ġuridiċi, dispożizzjonijiet fl-istatut ta’ assoċjazzjoni, ftehimiet ta’ sħubija, ftehimiet ta’ sindakazzjoni, jew dokumenti jew ftehimiet ekwivalenti skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-entità ġuridika, kif ukoll arranġamenti ta’ votazzjoni; |
(b) | ir-relazzjonijiet bejn il-membri tal-familja; |
(c) | l-użu ta’ arranġamenti formali jew informali tal-persuni nominati. |
Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, “arranġament formali ta’ persuna nominata” tfisser kuntratt jew arranġament ekwivalenti, bejn persuna nominata u nominatur, fejn in-nominatur ikun entità ġuridika jew persuna fiżika li toħroġ struzzjonijiet lil persuna nominata sabiex taġixxi f’isimha f’ċerta kapaċità, inkluż bħala direttur jew azzjonist jew settlor, u l-persuna nominata tkun entità ġuridika jew persuna fiżika li tingħata struzzjonijiet min-nominatur sabiex taġixxi f’ismu.