1. Għall-fini tal-Artikolu 51(1), l-ewwel paragrafu, il-punt (a), “interess proprjetarju fl-entità korporattiva” għandha tfisser sjieda diretta jew indiretta ta’ 25 % jew aktar tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot jew interess proprjetarju ieħor fl-entità korporattiva, inkluż id-drittijiet għal sehem tal-profitti, riżorsi interni oħra jew bilanċ ta’ likwidazzjoni. Is-sjieda indiretta għandha tiġi kkalkulata billi jiġu mmultiplikati l-ishma jew id-drittijiet tal-vot jew interessi proprjetarji oħra miżmuma mill-entitajiet intermedji fil-katina ta’ entitajiet li fihom is-sid benefiċjarju jkollu ishma jew drittijiet tal-vot u billi jingħaddu flimkien ir-riżultati minn dawk id-diversi ktajjen, sakemm ma japplikax l-Artikolu 54.
Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ jekk jeżistix interess proprjetarju fl-entità korporattiva, għandhom jitqiesu l-parteċipazzjonijiet azzjonarji kollha f’kull livell ta’ sjieda.
2. Meta l-Istati Membri jidentifikaw skont l-Artikolu 8(4), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2024/1640 kategoriji ta’ entitajiet korporattivi li huma esposti għal riskji ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, inkluż abbażi tas-setturi li joperaw fihom, huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan. Sal-10 ta’ Lulju 2029, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ir-riskji assoċjati ma’ dawk il-kategoriji ta’ entitajiet ġuridiċi humiex rilevanti għas-suq intern u, fejn tikkonkludi li livell limitu aktar baxx huwa xieraq biex jittaffew dawk ir-riskji, tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 85 biex temenda dan ir-Regolament billi tidentifika:
(a) | il-kategoriji ta’ entitajiet korporattivi li huma assoċjati ma’ riskji ogħla ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu u li għalihom għandu japplika livell limitu aktar baxx; |
(b) | il-livelli limitu relatati. |
Il-livell limitu aktar baxx imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi stabbilit għal massimu ta’ 15 % tal-interess proprjetarju fl-entità korporattiva, sakemm il-Kummissjoni ma tikkonkludix, abbażi tar-riskju, li limitu ogħla jkun aktar proporzjonat, li fi kwalunkwe każ għandu jiġi stabbilit għal inqas minn 25 %.
3. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 fuq bażi regolari biex tiżgura li tidentifika l-kategoriji rilevanti ta’ entitajiet korporattivi li huma assoċjati ma’ riskji ogħla, u li l-livelli limitu relatati jkunu proporzjonati ma’ dawk ir-riskji.
4. Fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi għajr entitajiet korporattivi, li għalihom, b’kunsiderazzjoni tal-forma u l-istruttura tagħhom, mhuwiex xieraq jew possibbli li tiġi kkalkolata s-sjieda, is-sidien benefiċjarju għandu jkun il-persuna fiżika li tikkontrolla permezz ta’ mezzi oħra, direttament jew indirettament, l-entità ġuridika, skont l-Artikolu 53(3) u (4), ħlief fejn japplika l-Artikolu 57.