1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw, kompletament jew parzjalment, klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fl-ogħla diviżjoni tal-kampjonat tal-futbol nazzjonali u li għandhom fatturat annwali totali ta’ inqas minn EUR 5 000 000 , jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, għal kull waħda mis-sentejn kalendarji preċedenti mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament abbażi tar-riskju baxx ippruvat li jirriżulta min-natura u l-iskala tal-operat ta’ tali klabbs tal-futbol professjonali.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw, kompletament jew parzjalment, klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw f’diviżjoni aktar baxxa mill-ogħla diviżjoni tal-kampjonat tal-futbol nazzjonali mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament abbażi ta’ riskju baxx ippruvat maħluq min-natura u l-iskala tal-operat ta’ tali klabbs tal-futbol professjonali.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju ta’ tali klabbs tal-futbol professjonali li tivvaluta:
(a) | it-theddid ul-vulnerabbiltajiet f’termini ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, u l-fatturi mitiganti, tal-klabbs tal-futbol professjonali; |
(b) | ir-riskji marbuta mad-daqs u n-natura transfruntiera tat-tranżazzjonijiet. |
Meta jwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sejbiet tal-valutazzjonijiet tar-riskju fil-livell tal-Unjoni mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/1640.
3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta’ monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju jew jieħdu miżuri adegwati oħrajn sabiex jiżguraw li ma jsirx abbuż mill-eżenzjonijiet mogħtijin skont dan l-Artikolu.