Artikolu 48 – Dispożizzjonijiet ġenerali relatati mad-dipendenza fuq entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu

1.   L-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jiddependu fuq entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu, kemm jekk ikunu jinsabu fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 20(1), il-punti (a), (b) u (c) dment li:

(a)

l-entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu japplikaw rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti u rekwiżiti dwar iż-żamma tar-rekords stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew ekwivalenti meta l-entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu jirrisjedu jew ikunu stabbiliti f’pajjiż terz;

(b)

il-konformità mar-rekwiżiti tal-AML/CFT mill-entitajiet marbutin b’obbligu l-oħrajn tiġi ssorveljata b’mod konsistenti mal-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) 2024/1640.

Ir-responsabbiltà aħħarija sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti għandha tibqa’ tal-entità marbuta b’obbligu li tiddependi fuq entità oħra marbuta b’obbligu.

2.   Meta jiddeċiedu li jiddependu fuq entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu li jinsabu f’pajjiżi terzi, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iqisu l-fatturi ta’ riskju ġeografiku elenkati fl-Annessi II u III u kwalunkwe informazzjoni jew gwida rilevanti pprovduta mill-Kummissjoni, jew mill-AMLA jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn.

3.   Fil-każ ta’ entitajiet marbutin b’obbligu li jkunu parti minn grupp, il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 49 tista’ tiġi żgurata permezz ta’ politiki, proċeduri u kontrolli għall-grupp kollu dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-entità marbuta b’obbligu tiddependi fuq l-informazzjoni pprovduta unikament minn entità marbuta b’obbligu li hija parti mill-istess grupp;

(b)

il-grupp japplika politiki u proċeduri dwar l-AML/CFT, miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti u regoli dwar iż-żamma ta’ rekords li jkunu kompletament konformi ma’ dan ir-Regolament, jew ma’ regoli ekwivalenti f’pajjiżi terzi;

(c)

l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmijin fil-punt (b) ta’ dan il-paragafu tkun issorveljata fil-livell tal-grupp mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju f’konformità mal-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) 2024/1640 jew tal-pajjiż terz f’konformità mar-regoli ta’ dak il-pajjiż terz.

4.   L-entitajiet marbutin b’obbligu ma għandhomx jiddependu fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti f’pajjiżi terzi identifikati skont it-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu. Madankollu, l-entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti fl-Unjoni li l-fergħat u s-sussidjarji tagħhom huma stabbiliti f’dawk il-pajjiżi terzi jistgħu jiddependu fuq dawk il-fergħat u s-sussidjarji, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 3.

Scroll to Top