1. Minbarra l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 20, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet okkażjonali jew relazzjonijiet tan-negozju ma’ persuni esposti politikament:
(a) | jiksbu l-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet okkażjonali jew għall-istabbiliment jew għat-tkomplija tar-relazzjonijiet tan-negozju ma’ persuni esposti politikament; |
(b) | jieħdu miżuri adegwati sabiex jistabbilixxu s-sors tal-ġid u s-sors tal-fondi li jkunu involuti fir-relazzjonijiet tan-negozju jew fit-tranżazzjonijiet okkażjonali ma’ persuni esposti politikament; |
(c) | iwettqu monitoraġġ imsaħħaħ ta’ dawk ir-relazzjonijiet tan-negozju fuq bażi kontinwa. |
2. Sal-10 ta’ Lulju 2027, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
(a) | il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ persuni magħrufin li huma assoċjati mill-qrib; |
(b) | il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ kategorija partikolari ta’ persuni esposti politikament, il-membri tal-familja tagħhom jew persuni magħrufin bħala assoċjati mill-qrib, inkluż gwida dwar kif tali riskji għandhom jiġu vvalutati meta l-persuna ma tibqax fdata b’funzjoni pubblika prominenti għall-finijiet tal-Artikolu 45. |