1. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mat-trasferimenti tal-kriptoassi diretti lejn indirizz awtoospitat jew li joriġinaw minnu. Għal dak l-għan, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandu jkollhom fis-seħħ politiki, proċeduri u kontrolli interni.
Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom japplikaw miżuri ta’ mitigazzjoni proporzjonati mar-riskji identifikati. Dawk il-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom jinkludu miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) | it-teħid ta’ miżuri bbażati fuq ir-riskju biex tiġi identifikata, u vverifikata l-identità tal-oriġinatur jew tal-benefiċjarju ta’ trasferiment magħmul minn jew lejn indirizz awtoospitat jew sid benefiċjarju ta’ tali oriġinatur jew benefiċjarju, inkluż permezz ta’ dipendenza fuq partijiet terzi; |
(b) | tintalab informazzjoni addizzjonali dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-kriptoassi; |
(c) | it-twettiq ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tat-tranżazzjonijiet fuq bażi kontinwa b’indirizz awtoospitat; |
(d) | kwalunkwe miżura oħra għat-taffija u l-ġestjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll ir-riskju ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni u evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati. |
2. Sal-10 ta’ Lulju 2027, L-AMLA għandha toħroġ linji gwida biex tispeċifika l-miżuri ta’ mitigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 , inkluż:
(a) | il-kriterji u l-mezzi għall-identifikazzjoni u l-verifika tal-identità tal-oriġinatur jew il-benefiċjarju ta’ trasferiment magħmul minn jew lejn indirizz awtoospitat, inkluż billi jserrħu fuq partijiet terzi, b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi l-aktar reċenti; |
(b) | kriterji u mezzi għall-verifika ta’ jekk l-indirizz awtoospitat huwiex proprjetà ta’ klijent jew ikkontrollat minnu. |