Artikolu 4 – Eżenzjonijiet għal ċerti fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw għalkollox jew parzjalment lill-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament fuq il-bażi tar-riskju baxx ippruvat li jirriżulta min-natura u, fejn xieraq, mill-iskala tal-operazzjonijiet ta’ servizzi bħal dawn.

L-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tapplika għal:

(a)

każinòs;

(b)

fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard li l-attività prinċipali tagħhom hija li jipprovdu servizzi tal-logħob tal-azzard online jew servizzi ta’ mħatri sportivi, għajr:

(i)

servizzi tal-logħob tal-azzard online mħaddma mill-Istat, kemm jekk permezz ta’ awtorità pubblika jew intrapriża jew korp ikkontrollat mill-Istat;

(ii)

servizzi tal-logħob tal-azzard online li l-organizzazzjoni, l-operat u l-amministrazzjoni tagħhom huma rregolati mill-Istat.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju tas-servizzi tal-logħob tal-azzard li tivvaluta:

(a)

it-theddid u l-vulnerabbiltajiet f’termini ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, u l-fatturi mitiganti tas-servizzi tal-logħob tal-azzard;

(b)

ir-riskji assoċjati mad-daqs tat-tranżazzjonijiet u mal-metodi ta’ pagament użati;

(c)

iż-żona ġeografika li fiha jingħataw is-servizzi tal-logħob tal-azzard, inkluż id-dimensjoni transfruntiera u l-aċċessibbiltà tagħhom minn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

Meta jwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu , l-Istati Membri għandhom iqisu s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/1640.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta’ monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju jew jieħdu miżuri adegwati oħrajn sabiex jiżguraw li ma jsirx abbuż mill-eżenzjonijiet mogħtijin skont dan l-Artikolu.

Scroll to Top