1. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom japplikaw il-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ istituzzjonijiet rispondenti ta’ pajjiżi terzi li magħhom ikollhom relazzjoni korrispondenti skont l-Artikoli 36 jew 37 u li fir-rigward tagħhom l-AMLA toħroġ rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2. L-AMLA għandha toħroġ rakkomandazzjoni indirizzata lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lil istituzzjonijiet finanzjarji meta jkun hemm tħassib li l-istituzzjonijiet rispondenti f’pajjiżi terzi jaqgħu fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a) | ikunu qed jiksru b’mod serju, ripetut jew sistematiku r-rekwiżiti tal-AML/CFT; |
(b) | ikollhom dgħufijiet fil-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni tagħhom li x’aktarx jirriżultaw fi ksur serju, ripetut jew sistematiku tar-rekwiżiti tal-AML/CFT; |
(c) | ikollhom fis-seħħ politiki, proċeduri u kontrolli interni li ma jkunux proporzjonati mar-riskji tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu li għalihom tkun esposta l-istituzzjoni rispondenti tal-pajjiż terz. |
3. Ir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinħareġ meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) | abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tiegħu, superviżur finanzjarju, inkluż l-AMLA meta twettaq l-attivitajiet superviżorji tagħha, tqis li istituzzjoni rispondenti ta’ pajjiż terz taqa’ fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 u tista’ taffettwa l-iskopertura għar-riskju tar-relazzjoni korrispondenti; |
(b) | wara valutazzjoni tal-informazzjoni disponibbli għas-superviżur finanzjarju msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, ikun hemm ftehim fost is-superviżuri finanzjarji fl-Unjoni li l-istituzzjoni rispondenti tal-pajjiż terz taqa’ fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 u tista’ taffettwa l-iskopertura għar-riskju tar-relazzjoni korrispondenti. |
4. Qabel ma toħroġ ir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-AMLA għandha tikkonsulta lis-superviżur tal-pajjiż terz inkarigat mill-istituzzjoni rispondenti u titlob li jipprovdi l-fehmiet tiegħu stess kif ukoll dawk tal-istituzzjoni rispondenti dwar l-adegwatezza tal-politiki tal-AML/CFT, il-proċeduri u l-kontrolli kif ukoll tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti li l-istituzzjoni rispondenti jkollha fis-seħħ biex ittaffi r-riskji ta’ ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-miżuri ta’ rimedju li għandhom jiġu stabbiliti. Meta ma tingħata l-ebda tweġiba fi żmien xahrejn jew meta t-tweġiba mogħtija ma tindikax li l-istituzzjoni rispondenti tal-pajjiż terz tista’ timplimenta politiki, proċeduri u kontrolli sodisfaċenti tal-AML/CFT kif ukoll tapplika miżuri adegwati ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti biex ittaffi r-riskji li għalihom tkun esposta li jistgħu jaffettwaw ir-relazzjoni korrispondenti, l-AMLA għandha tipproċedi bir-rakkomandazzjoni.
5. L-AMLA għandha tirtira r-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 hekk kif tqis li istituzzjoni rispondenti minn pajjiż terz li dwarha tkun adottat rakkomandazzjoni ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
6. Fir-rigward ta’ istituzzjonijiet rispondenti minn pajjiżi terzi msemmija fil–paragrafu 1, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom:
(a) | jastjenu milli jidħlu f’relazzjonijiet tan-negozju ġodda mal-istituzzjoni rispondenti minn pajjiż terz sakemm ma jikkonkludux, abbażi tal-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 36 jew 37, li l-miżuri ta’ mitigazzjoni applikati għar-relazzjoni tan-negozju mal-istituzzjoni rispondenti tal-pajjiż terz u l-miżuri fis-seħħ fl-istituzzjoni rispondenti tal-pajjiż terz jistgħu jtaffu b’mod adegwat ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati ma’ dik ir-relazzjoni tan-negozju; |
(b) | għar-relazzjonijiet tan-negozju eżistenti mal-istituzzjoni rispondenti tal-pajjiż terz:
|
(c) | jinformaw lill-istituzzjoni rispondenti bil-konklużjonijiet li jkunu siltu fir-rigward tar-riskji maħluqa mir-relazzjoni korrispondenti wara r-rakkomandazzjoni mill-AMLA u l-miżuri meħuda skont il-punti (a) jew (b). |
Fejn l-AMLA tkun irtirat rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 5, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jirrieżaminaw il-valutazzjoni tagħhom dwar jekk l-istituzzjonijiet rispondenti ta’ pajjiż terz jissodisfawx kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.
7. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiddokumentaw kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont dan l-Artikolu.