Fir-rigward ta’ relazzjonijiet korrispondenti transfruntiera, inkluż relazzjonijiet stabbiliti għal tranżazzjonijiet ta’ titoli jew għal trasferimenti ta’ fondi, li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ma’ istituzzjoni rispondenti ta’ pajjiż terz, minbarra l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 20, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom, meta jidħlu f’relazzjoni tan-negozju, ikunu meħtieġa li:
(a) | jiġbru biżżejjed informazzjoni dwar l-istituzzjoni rispondenti sabiex jifhmu b’mod sħiħ in-natura tan-negozju tar-rispondent u sabiex jiddeterminaw ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni u l-kwalità ta’ superviżjoni minn informazzjoni pubblikament disponibbli; |
(b) | jivvalutaw il-kontrolli tal-AML/CFT tal-istituzzjoni rispondenti; |
(c) | jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri qabel ma jistabbilixxu relazzjonijiet korrispondenti ġodda; |
(d) | jiddokumentaw ir-responsabbiltajiet rispettivi ta’ kull istituzzjoni; |
(e) | fir-rigward ta’ pagamenti permezz ta’ trasferimenti minn kontijiet, ikunu sodisfatti li l-istituzzjoni rispondenti tkun ivverifikat l-identità tal-klijenti u pprattikat id-diliġenza dovuta kontinwata tal-klijenti li jkollhom aċċess dirett għall-kontijiet tal-istituzzjoni korrispondenti, u li tkun kapaċi tipprovdi data rilevanti għall-finijiet tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fuq talba tal-istituzzjoni korrispondenti. |
Meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jiddeċiedu li jitterminaw relazzjonijiet korrispondenti transfruntiera għal raġunijiet relatati mal-politika tal-AML/CFT , huma għandhom jiddokumentaw id-deċiżjoni tagħhom.