Artikolu 34 – Kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta

1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 29, 30, 31 u 36 sa 46, kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ riskju ogħla li huma identifikati mill-entitajiet marbutin b’obbligu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2), l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta sabiex jimmaniġġaw u jtaffu tali riskji b’mod xieraq.

2.   L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jeżaminaw l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi involuti fit-tranżazzjonijiet kollha u l-iskop tat-tali tranżazzjonijiet li jissodisfaw tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tranżazzjoni jkun ta’ natura kumplessa;

(b)

it-tranżazzjoni jkun kbir b’mod mhux tas-soltu;

(c)

it-tranżazzjoni jitwettaq f’xejra mhux tas-soltu;

(d)

it-tranżazzjoni ma jidhirx li għandu skop ekonomiku jew legali apparenti.

3.   Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, meta jiġu vvalutati r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu ppreżentati minn relazzjoni tan-negozju jew minn tranżazzjoni okkażjonali, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iqisu tal-anqas il-fatturi ta’ riskju potenzjali ogħla stabbiliti fl-Anness III u l-linji gwida adottati mill-AMLA skont l-Artikolu 32, kif ukoll kwalunkwe indikatur ieħor ta’ riskju ogħla bħan-notifiki maħruġa mill-FIU u s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tan-negozju skont l-Artikolu 10.

4.   Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, f’każijiet ta’ riskju ogħla, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, proporzjonati għar-riskji ogħla identifikati, li jistgħu jinkludu l- miżuri li ġejjin.

(a)

il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq il-klijent u fuq is-sid(ien) benefiċjarju/i;

(b)

il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq in-natura maħsuba tar-relazzjoni tan-negozju;

(c)

il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq is-sors tal-fondi u s-sors tal-ġid tal-klijent u tas-sid(ien) benefiċjarju/i;

(d)

il-kisba ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għat-tranżazzjonijiet maħsubin jew imwettqin u l-konsistenza tagħhom mar-relazzjoni tan-negozju;

(e)

il-kisba tal-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew għat-tkomplija tar-relazzjoni tan-negozju;

(f)

it-twettiq ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tar-relazzjoni tan-negozju b’żieda fin-numru u fit-twaqqit tal-kontrolli applikati, u l-għażla ta’ tipi tat-tranżazzjonijiet li jeħtieġu eżaminazzjoni ulterjuri;

(g)

it-talba li l-ewwel pagament jitwettaq permezz ta’ kont f’isem il-klijent ma’ istituzzjoni ta’ kreditu soġġetta għal standards ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti li ma jkunux anqas robusti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

5.   Minbarra l-paragrafu 4, meta relazzjoni tan-negozju li tiġi identifikata bħala li għandha riskju ogħla tinvolvi l-immaniġġar ta’ assi b’valur ta’ mill-inqas EUR 5 000 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali jew barranija, permezz ta’ servizzi personalizzati għal klijent li jkollu assi totali b’ valur ta’ mill-inqas EUR 50 000 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali jew barranija, kemm f’assi finanzjarji, investibbli jew ta’ proprjetà immobbli, jew taħlita tagħhom, eskluża r-residenza privata ta’ dak il-klijent, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew kumpaniji għandhom japplikaw il-miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta li ġejjin, minbarra kwalunkwe miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta applikata skont il-paragrafu 4:

(a)

miżuri u speċifiċi inkluż proċeduri biex jittaffew ir-riskji assoċjati ma’ servizzi u prodotti personalizzati offruti lil dak il-klijent;

(b)

il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali dwar is-sors tal-fondi ta’ dak il-klijent;

(c)

il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess bejn il-klijent u l-maniġment superjuri jew l-impjegati tal-entità marbuta b’obbligu li jwettqu kompiti relatati mal-konformità ta’ dik l-entità marbuta b’obbligu fir-rigward ta’ dak il-klijent.

Sal-10 ta’ Lulju 2027, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-istituzzjonijiet finanzjarji u mill-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew kumpaniji sabiex jiġi stabbilit jekk klijent għandux assi totali b’valur ta’ mill-inqas ‘ EUR 50 000 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali jew barranija, f’assi finanzjarji, investibbli jew ta’ proprjetà immobbli u kif għandu jiġi ddeterminat dak il-valur.

6.   Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, fejn l-Istati Membri jidentifikaw każijiet ta’ riskju ogħla skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, inkluż b’riżultat ta’ valutazzjonijiet tar-riskju settorjali mwettqa mill-Istati Membri, huma jistgħu jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta u, fejn xieraq, jispeċifikaw dawk il-miżuri. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA bid-deċiżjonijiet tagħhom li jimponu rekwiżiti msaħħa dwar id-diliġenza dovuta fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti fit-territorju tagħhom fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom, flimkien ma’ ġustifikazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li fuqhom tkun ibbażata tali deċiżjoni.

Meta r-riskji identifikati minn Stati Membri skont l-ewwel subparagrafu x’aktarx jirriżultaw minn barra l-Unjoni u jistgħu jaffettwaw is-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-AMLA għandha, fuq talba mill-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tagħha stess, tikkunsidra li taġġorna l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 32.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 85 biex tissupplimenta dan ir-Regolament meta tidentifika każijiet addizzjonali ta’ riskju ogħla kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jaffettwaw lill-Unjoni kollha kemm hi u miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw f’dawk il-każijiet, filwaqt li jitqiesu n-notifiki mill-Istati Membri skont il-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu.

8.   Il-miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta ma għandhomx jiġu invokati b’mod awtomatiku fir-rigward ta’ fergħat jew ta’ sussidjarji ta’ entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti fl-Unjoni li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi msemmija fl-Artikoli 29, 30 u 31 fejn dawk il-fergħat jew sussidjarji jikkonformaw b’mod sħiħ mal-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli li japplikaw għall-grupp kollu f’konformità mal-Artikolu 17.

Scroll to Top