Artikolu 30 – Identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi bi dgħufijiet fil-konformità fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-AML/CFT

1.   Pajjiżi terzi bi dgħufijiet fil-konformità fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-AML/CFT għandhom jiġu identifikati mill-Kummissjoni.

2.   Sabiex jiġu identifikati l-pajjiżi terzi msemmijin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 85 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament, fejn:

(a)

ikunu ġew identifikati dgħufijiet fil-konformità fil-qafas legali u istituzzjonali AML/CFT tal-pajjiż terz;

(b)

ikunu ġew identifikati dgħufijiet fil-konformità fl-effettività tas-sistema AML/CFT tal-pajjiż terz fl-indirizzar tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jew fis-sistema tiegħu għall-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni jew evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji tan-NU relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati fi żmien għoxrin jum kalendarjuminm meta l-Kummissjoni taċċerta li ġew issodisfati l-kriterji fil-punt (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu.

3.   Meta tfassal l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis, bħala linja bażi għall-valutazzjoni tagħha, l-informazzjoni dwar il-ġuriżdizzjonijiet taħt monitoraġġ akbar minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn dawk li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll evalwazzjonijiet, valutazzjonijiet, rapporti jew dikjarazzjonijiet pubbliċi rilevanti mfasslin minnhom.

4.   L-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jidentifika l-miżuri speċifiċi msaħħa ta’ diliġenza dovuta fost dawk elenkati flArtikolu 34(4), li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw sabiex jimmitigaw ir-riskji relatati mar-relazzjonijiet tan-negozju jew mat-tranżazzjonijiet okkażjonali li jinvolvu persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn dak il-pajjiż terz.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2 fuq bażi regolari sabiex tiżgura li l-miżuri speċifiċi msaħħa ta’ diliġenza dovuta identifikati skont il-paragrafu 4 iqisu l-bidliet fil-qafas AML/CFT tal-pajjiż terz u jkunu proporzjonati u adegwati għar-riskji.

Scroll to Top