Artikolu 28 – Standards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent

1.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw:

(a)

ir-rekwiżiti li japplikaw għall-entitajiet marbutin b’obbligu skont l-Artikolu 20 u l-informazzjoni li għandha tinġabar għall-fini tat-twettiq ta’ diliġenza dovuta standard, simplifikata u msaħħa skont l-Artikoli 22 u 25 u l-Artikoli 33(1) u 34(4), inkluż ir-rekwiżiti minimi f’sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx;

(b)

it-tip ta’ miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu japplikaw f’sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx skont l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-Regolament, inkluż miżuri applikabbli għal kategoriji speċifiċi ta’ entitajiet u ta’ prodotti jew ta’ servizzi obbligati, wara li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/1640;

(c)

il-fatturi ta’ riskju assoċjati mal-karatteristiċi tal-istrumenti tal-flus elettroniċi li għandhom jitqiesu mis-superviżuri meta jiddeterminaw il-firxa tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 19(7);

(d)

is-sorsi affidabbli u indipendenti ta’ informazzjoni li jistgħu jintużaw sabiex tiġi vverifikata d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi għall-finijiet tal-Artikolu 22(6) u (7);

(e)

il-lista ta’ attributi li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati rilevanti msemmija fl-Artikolu 22(6), il-punt (b), iridu jkunu preżenti sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1), il-punti (a) u(b) fil-każ ta’ diliġenza dovuta standard, simplifikata u msaħħa.

2.   Ir-rekwiżiti u l-miżuri msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

ir-riskju inerenti involut fis-servizz ipprovdut;

(b)

ir-riskji assoċjati mal-kategoriji ta’ klijenti;

(c)

in-natura, l-ammont u r-rikorrenza tat-tranżazzjoni;

(d)

il-kanali użati għat-twettiq tar-relazzjoni tan-negozju jew tat-tranżazzjoni okkażjonali.

3.   L-AMLA għandha tirrieżamina regolarment l-istandards tekniċi regolatorji u, jekk ikun neċessarju, tħejji u tissottometti lill-Kummissjoni l-abbozz għall-aġġornament ta’ dawk l-istandards sabiex, fost l-oħrajn, tqis l-iżviluppi fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.

Scroll to Top