Artikolu 26 – Monitoraġġ kontinwu tar-relazzjoni tan-negozju u monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet imwettqa mill-klijenti

1.   L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iwettqu monitoraġġ kontinwu tar-relazzjonijiet tan-negozju, inkluż tranżazzjonijiet imwettqa mill-klijent matul relazzjoni tan-negozju, sabiex jiżguraw li dawk it-tranżazzjonijiet ikunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b’obbligu dwar il-klijent, l-attività kummerċjali u l-profil tar-riskju tal-klijent, u fejn neċessarju, mal-informazzjoni dwar l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi u sabiex jiġu identifikati dawk it-tranżazzjonijiet li għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni aktar bir-reqqa skont l-Artikolu 69(2).

Meta r-relazzjonijiet tan-negozju jkopru aktar minn prodott jew servizz wieħed, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti jkopru dawk il-prodotti u s-servizzi kollha.

Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu li jappartjenu għal grupp ikollhom relazzjonijiet kummerċjali ma’ klijenti li jkunu wkoll il-klijenti ta’ entitajiet oħra f’dak il-grupp, kemm jekk entitajiet marbutin b’obbligu kif ukoll jekk impriżi mhux soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT, huma għandhom iqisu l-informazzjoni relatata ma’ dawk ir-relazzjonijiet tan-negozju l-oħrajn għall-finijiet tal-monitoraġġ tar-relazzjoni tan-negozju mal-klijenti tagħhom.

2.   Fil-kuntest tal-monitoraġġ kontinwu msemmi fil-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni rilevanti tal-klijent jinżammu aġġornati.

Il-perjodu bejn l-aġġornamenti tal-informazzjoni tal-klijenti skont l-ewwel subparagrafu għandha tkun dipendenti fuq ir-riskju ppreżentat mir-relazzjoni tan-negozju u fi kwalunkwe każ ma għandhiex taqbeż:

(a)

għall-klijenti b’riskju ogħla li għalihom japplikaw il-miżuri skont it-Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, sena;

(b)

għall-klijenti l-oħra kollha, ħames snin.

3.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jirrieżaminaw u, fejn rilevanti, jaġġornaw l-informazzjoni dwar il-klijent meta:

(a)

ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi rilevanti ta’ klijent;

(b)

l-entità marbuta b’obbligu jkollha obbligu legali matul is-sena kalendarja rilevanti li tikkuntattja lill-klijent għall-fini tar-rieżami ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti relatata mas-sid(ien) benefiċjarju/i jew li tikkonforma mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (ĠU L 64);

(c)

isiru jafu b’fatt rilevanti marbut mal-klijent.

4.   Minbarra l-monitoraġġ kontinwu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jivverifikaw regolarment jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1), il-punt (d), humiex issodisfati. Il-frekwenza ta’ dik il-verifika għandha tkun proporzjonata mal-iskopertura tal-entità marbuta b’obbligu u r-relazzjoni tan-negozju għar-riskji ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni u ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

Għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, il-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titwettaq ukoll ma’ kull deżinjazzjoni ġdida fir-rigward ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

Ir-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jissostitwixxu l-obbligu li jiġu applikati sanzjonijiet finanzjarji mmirati u lanqas rekwiżiti aktar stretti skont atti legali oħra tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali dwar il-verifika tal-bażi tal-klijenti kontra listi ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

5.   Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar il-monitoraġġ kontinwu ta’ relazzjoni tan-negozju u dwar il-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet imwettqin fil-kuntest ta’ relazzjoni bħal din.

Scroll to Top