Artikolu 23 – Twaqqit tal-verifika tal-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju

1.   Il-verifika tal-identità tal-klijent, tas-sid benefiċjarju, u ta’ kwalunkwe persuna skont l-Artikolu 20(1), , il-punti (h) u (i), għandha ssir qabel l-istabbiliment ta’ relazzjoni tan-negozju jew it-twettiq ta’ tranżazzjoni okkażjonali. Tali obbligu ma għandux japplika għal sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx skont it-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu, dment li r-riskju aktar baxx jiġġustifika l-posponiment ta’ tali verifika.

Għall-aġenti tal-proprjetà immobbli, il-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titwettaq wara li offerta tiġi aċċettata mill-bejjiegħ jew mil-lokatur, u f’kull każqabel ma jiġu ttrasferiti kwalunkwe fondi jew proprjetà.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, il-verifika tal-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju jistgħu jitwettqu matul l-istabbiliment ta’ relazzjoni tan-negozju jekk dan ikun neċessarju sabiex ma jiġix interrott it-twettiq normali tan-negozju u fejn ir-riskju li jkun hemm ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu jkun baxx. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, dawk il-proċeduri għandhom jitwettqu malli jkun prattikabbli wara l-kuntatt inizjali.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja tista’ tiftaħ kont, inkluż kontijiet li jippermettu tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli, kif jista’ jkun meħtieġ minn klijent dment li jkun hemm salvagwardji adegwati fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet ma jitwettqux mill-klijent jew f’ismu sakemm tinkiseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti dwar miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (b).

4.   Kull meta jidħlu f’relazzjoni tan-negozju ġdida ma’ entità ġuridika jew mat-trustee ta’ trust espress jew mal-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti arranġament ġuridiku simili msemmi fl-Artikoli 51, 57, 58, 61 u 67 u soġġetti għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiġbru prova valida tar-reġistrazzjoni jew silta mir-reġistru miksuba reċentement li tikkonferma l-validità tar-reġistrazzjoni.

Scroll to Top