Artikolu 21 – Nuqqas ta’ kapaċità ta’ konformità mar-rekwiżit li jiġu applikati miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent

1.   Meta entità marbuta b’obbligu ma tkunx tista’ tikkonforma mar-rekwiżit li tapplika l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 20(1), hija għandha toqgħod lura milli twettaq tranżazzjoni jew milli tistabbilixxi relazzjoni tan-negozju, u għandha ttemm ir-relazzjoni tan-negozju u tikkunsidra li tirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi lill-FIU fir-rigward tal-klijent f’konformità mal-Artikolu 69.

It-terminazzjoni ta’ relazzjoni tan-negozju skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tipprojbixxi r-riċevuta ta’ fondi kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (25), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 dovuti lill-entità marbuta b’obbligu.

Meta entità marbuta b’obbligu jkollha d-dmir li tipproteġi l-assi tal-klijent tagħha, it-terminazzjoni tar-relazzjoni tan-negozju ma għandhiex tinftiehem li teħtieġ id-disponiment tal-assi tal-klijent.

Fil-każ ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ħajja, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom, fejn meħtieġ bħala miżura alternattiva għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tan-negozju, iżommu lura milli jwettqu tranżazzjonijiet għall-klijent, inkluż pagamenti lill-benefiċjarji, sakemm il-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 20(1) jiġu mħarsa.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal nutara, għal avukati, għal professjonisti legali indipendenti oħrajn, għal awdituri, għal kontabilisti esterni u għal konsulenti tat-taxxa, sa fejn dawk il-persuni jaċċertaw il-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew iwettqu l-kompitu tagħhom ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza ta’ dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward tagħhom, inkluż l-għoti ta’ pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta’ tali proċedimenti.

L-ewwel subparagrafu ma għandhux japplika meta l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fih:

(a)

jieħdu sehem f’ħasil tal-flus, fir-reati predikati tiegħu jew fil-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

jipprovdu pariri legali għall-finijiet tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu jew tal-finanzjament tat-terroriżmu; jew

(c)

ikunu jafu li l-klijent qed ifittex parir legali għall-finijiet tal-ħasil tal-flus, tar-reati predikati tiegħu jew tal-finanzjament tat-terroriżmu; l-għarfien jew l-iskop jista’ jiġi dedott minn ċirkostanzi fattwali oġġettivi.

3.   Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżommu rekord tal-azzjonijiet meħudin sabiex jikkonformaw mar-rekwiżit li japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, inkluż rekords tad-deċiżjonijiet meħudin u d-dokumenti ta’ sostenn u ġustifikazzjonijiet rilevanti. Id-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmumin mill-entità marbuta b’obbligu għandhom jiġu aġġornati kull meta d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti tiġi rrieżaminata skont l-Artikolu 26.

L-obbligu li jinżammu rekords previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet fejn l-entitajiet marbutin b’obbligu jirrifjutaw li jidħlu f’relazzjoni tan-negozju, itemmu relazzjoni tan-negozju jew japplikaw miżuri alternattivi skont il-paragrafu 1.).

4.   Sal-10 ta’ Lulju 2027, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida konġunti mal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar l-AML/CFT meta jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/92/UE, inkluż fir-rigward tar-relazzjonijiet tan-negozju li huma l-aktar affettwati mill-prattiki ta’ tneħħija tar-riskji.

Scroll to Top