1. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) | meta jistabbilixxu relazzjoni tan-negozju; |
(b) | meta jwettqu tranżazzjoni okkażjonali li tammonta għal mill-inqas EUR 10 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk dik it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni unika kif ukoll jekk permezz ta’ tranżazzjonijiet konnessi, jew valur aktar baxx stabbilit skont il-paragrafu 9; |
(c) | meta jipparteċipaw fil-ħolqien ta’ entità ġuridika, l-istabbiliment ta’ arranġament ġuridiku jew, għall-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (3)(a), (b)) jew (c), fit-trasferiment tas-sjieda ta’ entità ġuridika, irrispettivament mill-valur tat-tranżazzjoni; |
(d) | fejn ikun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, irrispettivament minn kwalunkwe deroga, eżenzjoni jew livell limitu; |
(e) | meta jkun hemm dubji dwar il-veraċità jew l-adegwatezza tad-data tal-identifikazzjoni tal-klijent miksuba minn qabel; |
(f) | meta jkun hemm dubji dwar jekk il-persuna li tinteraġixxi magħhom hijex il-klijent jew il-persuna awtorizzata li taġixxi f’isem il-klijent . |
2. Minbarra ċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, bl-eċċezzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti meta jibdew jew jeżegwixxu tranżazzjoni okkażjonali li tikkostitwixxi trasferiment ta’ fondi kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (9) tar-Regolament (UE) 2023/1113, li tammonta għall-valur ta’ mill-inqas EUR 1 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk dik it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni unika kif ukoll jekk permezz ta’ tranżazzjonijiet konnessi.
3. B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (b), il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom:
(a) | japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti meta jwettqu tranżazzjoni okkażjonali li tammonta għal valur ta’ mill-inqas EUR 1 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni unika kif ukoll jekk permezz ta’ tranżazzjonijiet konnessi; |
(b) | japplikaw mill-inqas miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti msemmija fl-Artikolu 20(1), il-punt (a), meta jwettqu tranżazzjoni okkażjonali fejn il-valur huwa inqas minn EUR 1 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni unika kif ukoll jekk permezz ta’ tranżazzjonijiet konnessi. |
4. B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (b), l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom japplikaw mill-inqas il-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti msemmija fl-Artikolu 20(1), il-punt (a), meta jwettqu tranżazzjoni okkażjonali fi flus kontanti li tammonta għal valur ta’ mill-inqas EUR 3 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni unika kif ukoll jekk permezz ta’ tranżazzjonijiet konnessi.
L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika fejn l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ, skont l-Artikolu 80(2) u (3), limitu għal pagamenti kbar fi flus kontanti ta’ EUR 3 000 jew inqas, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, ħlief fil-każijiet koperti mill-paragrafu 4, il-punt (b) ta’ dak l-Artikolu.
5. Minbarra ċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1,il-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fil-mument tal-ġbir tal-ammonti mirbuħin, fil-mument li jsiru l-imħatri, jew fit-tnejn li huma, meta jitwettqu tranżazzjonijiet li jammontaw għal tal-anqas EUR 2 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq permezz ta’ tranżazzjonijiet konnessi.
6. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iqisu bħala l-klijenti tagħhom il-persuni li ġejjin:
(a) | fil-każ ta’ entitajiet marbutin b’obbligu kif imsemmi l-Artikolu 3, il-punt (3)(e), (f) u (i) u persuni li jinnegozjaw f’oġġetti ta’ valur għoli kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (3)(j), minbarra l-klijent dirett tagħhom, il-fornitur ta’ oġġetti; |
(b) | fil-każ ta’ nutara, avukati u professjonisti legali indipendenti oħrali jintermedjaw tranżazzjoni u sa fejn ikunu l-uniku nutar jew avukat jew professjonist legali indipendenti ieħor li jintermedja dik it-tranżazzjoni, iż-żewġ partijiet għat-tranżazzjoni; |
(c) | fil-każ ta’ aġenti tal-proprjetà immobbli, iż-żewġ partijiet tat-tranżazzjoni; |
(d) | fir-rigward ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament imwettqa minn fornituri ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament, in-negozjant; |
(e) | fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv u l-intermedjarji ta’ finanzjament kollettiv, il-persuna fiżika jew ġuridika kemm li tfittex finanzjament kif ukoll li tipprovdi finanzjament permezz tal-pjattaforma ta’ finanzjament kollettiv. |
7. Is-superviżuri jistgħu, direttament jew f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra f’dak l-Istat Membru, jeżentaw lill-entitajiet marbutin b’obbligu milli japplikaw, b’mod sħiħ jew parzjali, il-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti msemmija fl-Artikolu 20(1), il-punti (a), (b) u (c), fir-rigward tal-flus elettroniċi abbażi tar-riskju baxx ippruvat maħluq min-natura tal-prodott, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha ta’ mitigazzjoni tar-riskju li ġejjin:
(a) | l-istrument ta’ pagament ma jkunx jista’ jiġi rikarikat, u l-ammont maħżun elettronikament ma jaqbiżx EUR 150 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali; |
(b) | l-istrument ta’ pagament jintuża esklużivament għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti mill-emittent, jew fi ħdan network ta’ fornituri ta’ servizzi; |
(c) | l-istrument ta’ pagament ma jkunx konness ma’ kont ta’ pagament u ma jippermettix li jiġi skambjat xi ammont maħżun ma’ flus kontanti jew ma’ kriptoassi; |
(d) | l-emittent iwettaq monitoraġġ suffiċjenti tat-tranżazzjonijiet jew tar-relazzjoni tan-negozju sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati tranżazzjonijiet mhux tas-soltu jew suspettużi. |
8. Il-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom li japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti msemmija fl-Artikolu 20(1), il-punt (a), billi jidentifikaw il-klijent u tiġi vverifikata l-identità tal-klijent mad-dħul fil-każinò jew f’postijiet fiżiċi oħra tal-logħob tal-azzard, dment li huma jkollhom fis-seħħ sistemi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jattribwixxu t-tranżazzjonijiet lil klijenti speċifiċi.
9. Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw:
(a) | l-entitajiet, is-setturi jew it-tranżazzjonijiet obbligati li jkunu assoċjati ma’ riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u li għalihom japplika valur inqas mill-valur stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), |
(b) | il-valuri tat-tranżazzjonijiet okkażjonali relatati; |
(c) | il-kriterji li għandhom jitqiesu għall-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet okkażjonali u relazzjonijiet tan-negozju; |
(d) | il-kriterji sabiex jiġu identifikati tranżazzjonijiet konnessi. |
Meta jiżviluppaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-AMLA għandha tqis kif xieraq il-livelli inerenti ta’ riskji tal-mudelli ta’ negozju tat-tipi differenti ta’ entitajiet marbutin b’obbligu u l-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, immexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/1640.
10. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.