1. Impriża omm għandha tiżgura li r-rekwiżiti dwar il-proċeduri interni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-persunal imsemmijin fit-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu japplikaw fil-fergħat u fis-sussidjarji kollha tal-grupp fl-Istati Membri u, għal gruppi li l-uffiċċju prinċipali tagħhom jinsabu fl-Unjoni, f’pajjiżi terzi. Għal dan l-għan, impriża omm għandha twettaq valutazzjonijiet tar-riskju għall-grupp kollu, b’kont meħud tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tan-negozju mwettqa mill-fergħat u s-sussidjarji kollha tal-grupp, u tistabbilixxi u timplimenta politiki, proċeduri u kontrolli, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data u dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp għall-finijiet ta’ AML/CFT u biex tiżgura li l-impjegati fi ħdan il-grupp huma konxji mir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-Regolament. L-entitajiet marbutin b’obbligu fil-grupp għandhom jimplimentaw dawk il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli għall-grupp kollu, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet tagħhom u r-riskji li huma esposti għalihom.
Il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli għall-grupp kollu u l-valutazzjonijiet tar-riskju għall-grupp kollu msemmja fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu l-elementi kollha elenkati fl-Artikoli 9 u 10, rispettivament. .
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, meta grupp ikollu stabbilimenti f’aktar minn Stat Membru wieħed u, għal gruppi li l-uffiċċju prinċipali tagħhom jinsabu fl-Unjoni, f’pajjiżi terzi, l-impriżi omm għandhom iqisu l-informazzjoni ppubblikata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha jew tal-pajjiżi terzi kollha fejn jinsabu l-istabbilimenti tal-grupp.
2. Għandhom jiġu stabbiliti funzjonijiet ta’ verifika tal-konformità fil-livell tal-grupp. Dawk il-funzjonijiet għandhom jinkludu maniġer tal-konformità fil-livell tal-grupp u, fejn ġustifikat mill-attivitajiet imwettqa fil-livell tal-grupp, uffiċjal għall-konformità. Id-deċiżjoni dwar il-firxa tal-funzjonijiet ta’ verifika tal-konformità għandha tiġi ddokumentata.
Il-maniġer tal-konformità msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jirrapporta regolarment lill-korp maniġerjali fil-funzjoni tiegħu ta’ ġestjoni tal-impriża omm dwar l-implimentazzjoni tal-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli għall-grupp kollu. Bħala minimu, il-maniġer tal-konformità għandu jippreżenta rapport darba fis-sena dwar l-implimentazzjoni tal-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni tal-entità marbuta b’obbligu u għandu jieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex jirrimedja fil-ħin kwalunkwe nuqqas identifikat. Meta l-korp maniġerjali fil-funzjoni tiegħu ta’ ġestjoni jkun korp li huwa kollettivament responsabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu, il-maniġer tal-konformità għandu jassistih u jagħtih pariri u għandu jħejji d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.
3. Il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli li għandhom x’jaqsmu mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu fi ħdan il-grupp jiskambjaw informazzjoni meta tali kondiviżjoni tkun rilevanti għall-finijiet tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti u l-ġestjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp għandha tkopri b’mod partikolari l-identità u l-karatteristiċi tal-klijent, tas-sidien benefiċjarji tiegħu jew tal-persuna li f’isimha jaġixxi l-klijent, in-natura u l-iskop tar-relazzjoni tan-negozju u tat-tranżazzjonijiet okkażjonali u s-suspetti, akkumpanjati mill-analiżijiet sottostanti, li l-fondi jkunu r-rikavati minn attività kriminali jew ikunu relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu rrapportat lill-FIU skont l-Artikolu 69, sakemm ma jingħatawx struzzjonijiet mod ieħor mill-FIU.
Il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli għall-grupp kollu m’għandhomx iżommu lill-entitajiet fi ħdan grupp li ma jkunux entitajiet marbutin b’obbligu milli jipprovdu informazzjoni lill-entitajiet marbutin b’obbligu fi ħdan l-istess grupp meta tali kondiviżjoni tkun rilevanti għal dawk l-entitajiet marbutin b’obbligu biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.
L-impriżi omm għandhom jistabbilixxu politiki, proċeduri u kontrolli għall-grupp kollu sabiex jiżguraw li l-informazzjoni skambjata skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tkun soġġetta għal garanziji suffiċjenti f’termini ta’ kunfidenzjalità, ta’ protezzjoni tad-data u ta’ użu tal-informazzjoni, inkluż sabiex tiġi evitata d-divulgazzjoni tagħha.
4. Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk tal-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti minimi tal-politiki, proċeduri u kontrolli għall-grupp kollu, inkluż standards minimi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp, il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-impriża omm fil-każijiet koperti mill-Artikolu 2(1), il-punt (42)(b), u l-kundizzjonijiet li taħthom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għal entitajiet li huma parti minn strutturi li jikkondividu sjieda, ġestjoni jew kontroll tal-konformità komuni, inkluż networks jew sħubijiet, kif ukoll il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-impriża omm fl-Unjoni f’dawk il-każijiet.
5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament (UE) 2024/1620.