1. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu miżuri xierqa, proporzjonati għan-natura tan-negozju tagħhom, inkluż ir-riskji u l-kumplessità tiegħu u għad-daqs tagħhom, sabiex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li għalihom ikunu esposti, kif ukoll ir-riskji ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni u ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati, filwaqt li jqisu mill-inqas:
(a) | il-varjabbli tar-riskju stabbiliti fl-Anness I u l-fatturi tar-riskju stabbiliti fl-Annessi II u III; |
(b) | is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni mmexxija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/1640; |
(c) | is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali mwettqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2024/1640, kif ukoll ta’ kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju rilevanti speċifika għas-settur u mwettqa mill-Istati Membri; |
(d) | informazzjoni rilevanti ppubblikata minn dawk li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-AML/CFT jew, fil-livell tal-Unjoni,il- pubblikazzjonijiet rilevanti mill-Kummissjoni jew mill-AMLA; |
(e) | informazzjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti; |
(f) | informazzjoni dwar il-klijentela. |
Qabel jitnedew prodotti, servizzi jew prattiki kummerċjali ġodda, inkluż l-użu ta’ kanali ta’ konsenja ġodda u teknoloġiji ġodda jew li qed jiġu żviluppati, flimkien ma’ prodotti u servizzi ġodda jew preeżistenti jew qabel ma jibdew jipprovdu servizz jew prodott eżistenti lil segment ġdid ta’ klijenti jew f’żona ġeografika ġdida, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jidentifikaw u jivvalutaw, b’mod partikolari, ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jieħdu miżuri xierqa biex jimmaniġġjaw u jtaffu dawk ir-riskji.
2. Il-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tan-negozju mfassla mill-entità marbuta b’obbligu skont il-paragrafu 1 għandha tiġi ddokumentata, miżmuma aġġornata u rieżaminata regolarment, inkluż meta kwalunkwe avveniment intern jew estern jaffettwa b’mod sinifikanti r-riskji tal-ħasil tal-flus jew u finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-attivitajiet, il-prodotti, it-tranżazzjonijiet, il-kanali tal-konsenja, il-klijenti jew iż-żoni ġeografiċi tal-attivitajiet tal-entità marbuta b’obbligu. Din għandha tkun disponibbli għas-superviżuri fuq talba.
Il-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tan-negozju għandha titfassal mill-uffiċjal għall-konformità u tiġi approvata mill-korp maniġerjali fil-funzjoni tiegħu ta’ ġestjoni u, fejn ikun jeżisti tali korp, tiġi kkomunikata lill-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu.
3. Bl-eċċezzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-fornituri u intermedjarji ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, is-superviżuri jistgħu jiddeċiedu li ċerti valutazzjonijiet tar-riskju fil-livell tan-negozju ddokumentati ma jkunux meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u mifhumin.
4. Sal-10 ta’ Lulju 2026, l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar ir-rekwiżiti minimi għall-kontenut tal-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tan-negozju mfassla mill-entità marbuta b’obbligu skont il-paragrafu 1, u dwar is-sorsi addizzjonali ta’ informazzjoni li għandhom jitqiesu meta titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tan-negozju.